Monday, September 04, 2006

A Volte Ritornano

Kont qiegħed f'nofs sessjoni ta' Football Manager 2006. Din il-logħba ilha għandi snin twal u kull darba li toħroġ, sena wara sena, kont nispiċċa naħli numru ta' siegħat mhux ħażin fuqha. Darba biss niftakar li kelli nneħħieha mill-computer għax kienu ġejjin il-finals ta' l-Universita u jekk ifettilli nagħmel siegħa nispiċċa nagħmel nofs ta' nhar. U addio Baudrillard u Eco.

Dis-sena, insomma, bdejt nilagħbha f'Ottubru u bdejt bir-Real Sociedad ta' Spanja. Issa, f'Awwissu tas-sena ta' wara, qiegħed fil-ħames sena bħala manager u dejjem nirbaħ nirbaħ nirbaħ, mal-Valencia. U s-siegħat dejjem għaddejjin.

F'daqqa waħda daqq il-mobile u tant kont mitluf (Valencia - Getafe) li ħbatt kubtejja mal-mejda. Fuq id-display kont qed naqra isem Pierre Mejlak u ma kontx ċert jekk kienx veru hu.

"Is-Sur Flask..." iva kien hu. Fi triqtu lejn Malta minn Għawdex, daqsxejn bħas-soltu. Lura d-dar wara żmien twil jiġġerra ma' l-Ewropa. Sorpriża sabiħa. U la qiegħed hawn għal tlett ġimgħat, ta' min nieħdu flixkun birra flimkien. Jew aħjar inbid, għax wara t-Tazza tad-Dinja u beerfestival ma ridtx nibda niħxien.

Għaddiet ġimgħa sakemm iltqajna. Morna l-Jubilee ta' Xbiex u niżżilna żewġt ifliexken inbid. U minn quddiemna għaddiet ferrovija ta' memorji u persunaġġi.

Minn Wendy għal Cedric. Salvu Chircop. Ingrid. Fr Effie. Joe Tanti. Kevin Vella tal-Calypso. Gordon. Iċ-Ċukaj. Għedna xi ftit kontra Berlusconi (jien) u Bush (jien). Marie.

U llum hawn aħna. Nixjieħu u forsi nisbieħu. Jien tlift xi xagħrha l'hinn u l'hawn. Pierre baqa kważi l-istess. L-istess daħka, l-istess aċċent. Kultant jitfa' xi waħda żgħira bl-Għawdxi wkoll. Darba niftakru jirrakkontali teoria minn tiegħu. Kien jiġi għal-lectures u jintefa' għall-kwiet biex żgur ħadd ma jgħid li l-Għawdxin antipatki.

Imma darba sibna pajżana tiegħu li kienet tnerves klassi sħiħa. U sieħbi Pierre, fit-tmienja ta' filgħodu, dar lejja b'ħarsa ta' wieħed li ma kienx qed jiflaħ aktar.

Il-lejla spiċċat wara żewġt ifliexken inbid u ftit karawett. Hu qabad it-triq lejn it-tliet għoljiet u jien lejn Paceville. It-tnejn li aħna weħilna fit-traffiku, fit-toroq għat-telgħa, u blajna bosta skossi. U ser nibqgħu hekk kull darba li, hu fi Brussell u jien f'Ta' Xbiex, nixegħlu l-kompjuter u nibdew naqbdu t-truf tal-ġurnata li jmiss.

1 Comments:

Blogger Pierre J. Mejlak said...

E' stato bello, amico. La rifaremo ;)

7:18 pm  

Post a Comment

Subscribe to Post Comments [Atom]

<< Home

Blog Counter