Wednesday, June 13, 2007

Pecorino Scarso (Pecoraro Scanio) 1

Lanqas kelb ma trid tara jaħdem is-Sibt. Speċjalment jekk dan il-kelb iqum kuntent f'sodda komda, jiftaħ għajnejh, isib kelb (li qatt ma għamel penny xogħol) jilgħab miegħu f'tarf din is-sodda, imellsu tnejn, u mat-tielet pass li jagħmel jiftakar li llum irid isuq sal-Mellieħa. U lura.

"Ħaqq..." Ħsilt snieni u blajt kafe, ta' malajr. Għajnejja kienu għadhom żlieġa u naħseb aqqas kelli ċans ninduna bil-ħlewwa għowdija ta' Sarah.

Soqt lejn ta' Xbiex, bidu ta' ġurnata ta' kelb, għax biex tagħmel donazzjoni lill-Ministru Pullicin trid toħroġ ċekk, x'taħsbu?

Minn Ta' Xbiex għall-Mellieħa. Xemx tiżreġ u ftit ta' riħ. Dawra li bis-saħħa tal-Ministru Mugliett tieħdok lejn l-Imġarr flok San Pawl il-Baħar, fost it-tlajja' u l-inżul tal-pajsaġġ Malti hekk sabiħ, fost l-egħlieqi u l-kampanja, fost il-proġetti ta' toroq ġodda li qed iniedi l-gvern, u l-proġetti ta' ħniżrijiet ta' kostruzzjoni li qiegħed iniedi l-ieħor (dak li qiegħed saħansitra jipproduċi l-birra).

Wasalt ħdejn it-Torri l-Aħmar, fl-għaxra u nofs. Wasal il-Mangion ukoll. Lanqas laħaq niżel li ma waqqfuhx żewġ suldati li riedu jistaqsuh minn fejn tidħol għar-Riserva tal-Foresta 2000. "Dan ikun jaf, dak ta' l-ambjent hux?" qallu daħkan wieħed mis-suldati.

Niżlu bil-kelb li jxammem għal bombi, u dak il-ħin bdejt nistaqsi bejni u bejn ruħi kemm qed tikber dil-biċċa tal-kaċċaturi, u jekk ridux jgħollu mas-smewwiet lil Pullicino, jew jekk kinux qed jiġru wara l-Mangion.

Ftit tal-ħin wara wasal l-imgħallem ukoll. Tajtu ċ-ċekk (mur għidlu x'waħda konna ser naqgħu għan-nejk) u qgħadt hemmhekk nisma' diskussjoni li mhux suppost kont qed nisma bejn żewġ rjus ambjentalisti. Lanqas jekk joffruli tlett elef lira ma npaxxihom lil tal-Maltatoday u ngħidilhom x'kienu qed jgħidu (Saviour, in-numru tiegħi qiegħed x'imkien fil-website).

Saru l-ħdax u Pullicin għadu ma tfaċċax. In-naħa l-oħra tal-parkeġġ dehret il-figura kajmana ta' Evarist Bartolo. Varist x'qed jagħmel hawn? Din hija l-kostitwenza tiegħu wkoll, il-Mellieħa, u jekk ġejjin il-kameras tat-TV jiġbdu lil tan-naħa l-oħra, ta' min jiddeffes ftit huwa wkoll.

Għal xi l-ħdax u kwart wasal il-Ministru. "Le dak żgur hu kien... ma rajthiex ir-rota tax-xellug kemm kienet baxxa?" qalli xi ħadd warajja, sors tad-Demokristjaneżmu tnixxi minn fommu.

Malli ħareġ Pullicino mill-karozza daru miegħu KOLLHA.

Beda mbagħad eżerċizzju ta' parassitiżmu politiku, ibbażat fuq il-mudell li kien ħejja dalgħodu kmieni Varist. Fix-xena daħlu Ċensu Galea u Louis Deguara, ministri tal-Komunikazzjoni u tas-Saħħa rispettivament. Wieħed jaqlagħha minħabba xi paroli żejjed fuq l-ADT, u l-ieħor sparixxa mix-xena wara xi frawtati fil-Mater Dei. Agħar minn dan kollu, dawn iż-żewġ ministri ġejjin minn kostitwenzi fejn hemm numru mhux ħażin ta' kaċċaturi, bħan-Naxxar per eżempju.

Ara jien ukoll. Qomt is-Sibt filgħodu biex nagħtu donazzjoni lil Pullicin għax xi għaxar jew ħdax-il kaċċatur għażlu li jagħmlu vendikazzjoni lill-Birdlife u Din l-Art Ħelwa, u kissru 3000 siġra minn proġett li kien ilu għaddej seba' snin.

U ftakart fi frażi ta' Beppe Grillo: Chi Striscia non Inciampa - min jitkaxkar fuq żaqqu, ma jitfixkilx f'saqajh.

Bdejna biex nimxu lejn in-naħa ta' wara tat-Torri, fejn kien hemm ġemgħa tfal mhux ħażin itajjru t-tjur, uħud minnhom magħmulin minn karti tal-gazzetti (ħafna minnhom, indunajt, kienu meħudin min-Nazzjon). Il-ġemgħa li kont fiha jien, jew aħjar, kont fuq il-marġini tagħha, waqfet timxi u ħarset lura f'daqqa, għax wasal it-Taljan.

0 Comments:

Post a Comment

Subscribe to Post Comments [Atom]

<< Home

Blog Counter