Camden Town (1)
Il-lejl ta' qabel kont domt ftit biex nasal id-dar. Kelli ntir fis-sebgħa ta' filgħodu u ma hemm xejn agħar, għalija, minn titjira fuq stonku vojt u raqda qasira.
Lejn Heathrow, Sako u Martin kienu ħafna aktar lura minni u ma kellix ma' min ngħid kelma. Xtrajt l'Espresso u ma ftaħtux; ħallejtu fil-bagalja u fuq l-ajruplan qgħadt naqra t-Times. Ħdejja inzertajt Malti li kien qed jaqra xi gażżetta finanzjarja bil-Franċiż, u dan il-Malti, li jaħdem id-Deloitte, kellimni biss lejn l-aħħar tat-titjira x'ħin fehem li t-temperatura kienet ta' ħdax-il grad biss u għaddiet dehxa fost kull min kien bilqiegħda.
Żewġ bagalji, u kif jgħid il-Malti, xkora dagħa. Ħallejt lil Sako u lil Tinu qabel ma nżilt lejn l-arrivals. Dawk kienu sejrin Valencia jaraw lil Valentino Rossi; jien kont sejjer Londra nara lil Thierry Henry.
Minn Heathrow niftakar l-istorbju ġenerali u d-daqsxejn ta' panik moħbi li kelli biex nara kif jaħdem it-tube. Imma Londra mhux bħal Ruma, jekk timxi wara s-sinjali taf li se tasal. U żammejt f'rasi dak li qalli Jonny: Inżel Leicester Square, minn hemm aqbad is-sewda lejn Mornington Crescent. U tmurx lejn Morden. Morden le, le, u le. Bil-biża li nispiċċa f'xi raħal fil-qiegħ ta' Wales, inżilt lejn l-Underground, xtrajt Single Trip (£4) u qbadt it-tube il-blu tal-Piccadilly Line.
Poġġejt kollox ħdejja, bilqiegħda kkakmat kif kont ħriġt l-Espresso minn postu u bdejt naqra din il-pubblikazzjoni anti-Berluskonjana. F'nofs Londra tqattar bix-xita u sħab ma' kullimkien, lanqas indunajt li kelli n-nuċċali tax-xemx f'għajnejja.
Wara l-ewwel stop telgħet waħda Maltija li taħdem il-Kummissjoni, bieb ma' bieb magħna. Naħseb għarfitni imma ma kellmitnix, bħal meta taqbdek dik il-mistħija ħafifa u tagħżel li ma tkellimx nies li ma tafhomx wisq.
Tube tipiku ta' Londra: żewġ indjani jħarsu fil-vojt u ma jitkellmux. Ingliż pulit sejjer lejn ix-xogħol jaqra l-gażżetta. Zgħażagħ u visibilju iPods. Ingliż ieħor naqa inqas pulit b'saqajh imferrxin mal-kuridur, eżatt kemm kemm ma jkun jista' jgħaddi ħadd.
Tal-kummissjoni niżlet fil-kwiet, bil-mobile f'idejha. L-Ingliż ta' saqajh twal waqaf Knightsbridge, qam nofs minuta qabel ma waqfet il-ferrovija u qagħad isaffar, għall-affari tiegħu. Wara ftit sekondi ndunajt li kien qed isaffar Love Will Tear us Apart. Ħeqq, hawnhekk f'pajjiżhom qiegħed.
Inżilt Leicester Square, għall-grazzja t'Alla ma tantx sibt nies. Kelli nitla t-taraġ bil-bagalji u ma tantx bdew jieħdu gost minħabba t-tisbit. Bdejt inħoss bard u sħanat f'daqqa; minħabba l-kurrent ta' arja li jgħaddi minn kuridur għall-ieħor ta' l-istazzjon. Flejt ftit il-mappa li kelli f'idi, u lmaħtha, xi ħames waqfiet il-bogħod: Mornington Crescent.
Din id-darba ma ħriġtx l Espresso, bqajt bilwieqfa mal-bagalji, hekk jew hekk m'hawnx skossi.
Wasalt, inżilt b'naqa ta' skariġġ, u lestejt ruħi biex niffaċċja taraġ ieħor. Fittixt il-lift, sibtu, u rajt li se jdum u kien hemm nies mhux ħażin. Għedt aħjar nieħu t-taraġ. U x'ħin wasalt indunajt għalfejn kien hemm lift. Sinjal, iswed fuq isfar, jgħidlek: 'This staircase has 84 steps.' Did-darba ħassejt vampa sħana u mort lura lejn il-lift.
Tlajt fuq, ħriġt mill-istazzjon. Sibt wieħed tal-gażżetti. "You have cigarettes?" Dak bilkemm ħares lejja, għamel ħoss b'ħalqu biex jgħidli le, u xengel kemmxejn rasu. Wara ftit minuti tfaċċa, bħall-manna mis-sema, liebes ġakketta tal-jeans u xalla m'għonqu, il-ħabib ta' dejjem Jon Calleja.
(... ikompli)

1 Comments:
life just good
Post a Comment
Subscribe to Post Comments [Atom]
<< Home