Ħedla
Is-sigarett li kelli f'idejja beda jdejjaqni ftit. Forsi mhux imdorri inpejjep dawk il-ħinijiet, jew forsi ma kellix aptitu, jew ma nafx. Kont mitfuħ kif ġie ġie fuq is-sufan, daqsxejn riħ ħafif ġej fuqi minn fan abjad li jdur mix-xellug għal-lemin, minn fuq għal isfel.
Ħarist mit-tieqa u stajt nara l-baħar, b'xi biċċa taqsam minn naħa għall-oħra kull tant żmien. Lixx, dak il-baħar ta' tfuliti li qed jaħrab minn quddiemi minuta wara l-oħra, kif ħarbitli minn bejn subgħajja elf ħaġ'oħra, fil-mument li ftaħt il-pala ta' idi biex nilqa' xi ħaġa ikbar.
Riħ ħafif, la tħarrekx dak il-baħar. Ħallih bnazzi, għal min irid igawdih, inkella jidħol il-bram, u l-alka, u l-ħalel qawwija.
U f'daqqa waħda ħasadni leħen mis-sular ta' taħt. Reġa beda t-twerżiq. Reġa beda l-ġlied. Minjaf x'siegħa jgħaddu l-ħaddiema ta' Piju, li quddiem il-gallarija minn fejn naraw il-baħar, qed itellgħu kumpless bi tmien kaxxi żgħar u żewġ kaxxi ftit akbar, għal nies li moħħhom fih daqs moħba ta' ġurdien u bwiethom ma jispiċċaw qatt.
"Ċapsa!"... ix-xehir minn isfel baqa għaddej.


0 Comments:
Post a Comment
Subscribe to Post Comments [Atom]
<< Home