Monday, September 03, 2007

Peter Molinari

Settembru, biċ-ċajt iċ-ċajt, wasal ukoll. Ma ndunajtx mill-ewwel, l-aktar għax l-arloġġ tiegħi ma jgħidlikx x'inhi d-data u allura jekk inqum mitluf, ikolli bżonn noqgħod infittex il-kalendarju.

Settembru ma nafx b'liema fatta bdejtu. Għadni qed nistenna bil-ħerqa li nitlaq għal dik il-vaganza li ilni nitlob għaliha żmien, u li fl-aħħar waslet, u xorta nibqa' nisħet lili nnifsi li ma mortx nara lil Tori Amos f'April li għadda.

Ma hawn xejn x'tagħmel, għajr li tistenna x-xitwa. Spiċċa l-istaġun tal-baħar (għax issa jqum ir-riħ u ġej is-sħab) u beda dak tal-futbol. Allura hemm xi ħaġa x'tara u fuqhiex tikkonċentra, bħall-blalen moħlijin minn Adebayor u minn nuqqas ta' logħob ta' Tevez, biex insemmu tnejn.

L-ewwel ħadd filgħaxija ta' Settembru mort nara kunċert ta' Peter Molinari. Ma nafx fejn kont smajt bih qabel lil dan l-artist Ingliż, naf li ismu familjari, u dik weħidha kienet raġuni valida ħafna biex nattendi.

Peter Molinari ġie Malta bis-saħħa ta' EventsMalta - jew x'jisimhom - organiżżazzjoni mtella' minn Luigi Pellegrini (tal-Beangrowers) u Jean (ex-DJ ta' l-Alley). Għandhom għal qalbhom il-mużika alternattiva u dak kollu li ma tismax fuq ir-radju, u jiġbru magħhom nies li huma (in teoria) iktar kolti minni fil-mużika.

(Jekk tippermettuli, naħseb li Lm4.50 huwa prezz kemmxejn għali. Veru hemm l-ispejjeż, iżda ma nemminx li l-isponsors jisparixxu malli ssemmi l-kelma alternative.)

Qabel Molinari hemm dwett Ingliż, The Burning Leaves, u fil-bidu nett artista Maltija, Carrie.

Din Carrie tfakkarni ħafna - aqtgħu ftit - f'Tori Amos u Kate Bush. Għadha żgħira u leħenha jġorr miegħu l-emozzjoni u s-saħħa ta' mara matura. Fuq dan, għal darba, jien u David Vella (ta' Temple Studios) sibna ruħna nitkellmu l-istess ilsien. Fost id-diski tas-serata tagħha, spikkat il-verżjoni tagħha ta' Love Will Tear us Apart tal-Joy Division.

Ma domtx ma ftakart minn fejn smajt b'Peter Molinari. Waqt il-kunċert ta' Burning Leaves kien bilqiegħda ħdejja flimkien ma' sieħbi Kurt, li magħhom għandu parentela mill-bogħod. Molinari lħinkollu jitnejjek. Fis-silenzju tal-mużika ta' Burning Leaves, ħin minnhom, b'leħen baxx biex ma jinstemax, talab lil kantanta biex tikxef parti minn ġisimha. Jien u Kurt bdejna nippruvaw ma ninstemgħux nidħku fis-sikta ġenerali ta' l-Universita.

Ħaġa oħra li biha beda jidħak seħibna Molinari kienet iż-żebbuġ mimli. F'nofs diskussjoni jew oħra jitfagħlek xi then we go for żebbuġ mimli jew xi ġbejniet bil-bżar. Jidher li qabel ma wasal hemm, staqsa lil Kurt f'liema Universita Maltija kien ser idoqq. Jista' ikun li tfixkel id-dar ta' Louis Galea ma' xi universita' oħra?

The Burning Leaves ma kinux ħżiena, iżda għal min jaf japprezzahom bla dubju li kienu xi ħaġa kbira. Il-mużika tagħhom ma fihiex sorpriżi u ma fihiex tidwir mal-lewża. Jagħmlu saħħa lil xulxin b'leħenhom, iġorru lil xulxin. L-apparenza tagħhom fakkritni fil-White Stripes, kemmxejn anqas ħomor bħala ħwejjeġ.

F'nofs il-quadrangle ta' l-Universita sadattant bdew iduru n-nies tax-xena, fosthom żewġ ġenji li jqattgħu ħinhom fil-forum ta' sit, imaqdru dak kollu li ma jogħġobhomx fil-kamp tal-mużika, bil-massima ta' My milkshake will always be better than yours.

Wieħed minnhom maqdar lil wayneflask.com u lil Wayne Flask (lili, biex niftiehmu) sakemm finalment nixxef ilsienu. Għadni sal-ġurnata tal-lum nistaqsi ruħi x'għamiltlu lil dan ir-raġel, jista' ikun li qatt ma nsib risposta. Sadattant, il-grupp eċċezzjonali, fabuluż, enormi, li xiħadd (hu stess probabbli) qabbilhom mal-Cure ta' Malta, spiċċa jitkagħweġ fix-xejn, vittma tiegħu nnifsu.

Tlaqt lejn id-dar f'nofs is-show ta' Molinari. Biex inkun onest, għajjejt, u l-mużika bdiet traqqadni. Mhux għax sieħbi Peter kien ħażin, iżda ma kellix aptit ta' Bob Dylan fil-ħdax ta' bil-lejl. Ma ttinix tort, mhux sa barra.

(Kjarifika mistħoqqa, u hawnhekk nirringrazzja lil Jean talli ġibidli l-attenzjoni: il-biljetti setgħu jinxtraw għal Lm3.50 minn xi ħwienet madwar Malta.)

2 Comments:

Anonymous Anonymous said...

This comment has been removed by a blog administrator.

5:54 am  
Anonymous Anonymous said...

Hawn Wayne
vera apprezajt li ktiebt xi haga fuq il-gig taghna specjalment meta naf li l-artisti ma kienux it-tip tieghek per se.
Haga wahda zghira pero, vera l-biljetti kienu 4.50 (at the door) pero kienu 3.50 mill hwienet.
cheers man
halli minn jarak
jean

5:59 am  

Post a Comment

Subscribe to Post Comments [Atom]

<< Home

Blog Counter