Monday, December 10, 2007

Xeni Fid-Dalma u s-Skiet ta' Diċembru Kiefer

M'għandix wisq x'nitkeb dan l-aħħar. Il-Milied qed iwaħħalni ma' ħafna ħwejjeġ li jiswew inqas miż-żmien li jieħdu. L-intellett huwa miżgħud b'affarijiet li għad irrid nagħmel u b'dawk li ma nistax ninsa għax inkella jkun għelt gravi wisq.

Se nisraq ftit mumenti ħin biex inwassal erba' xeni zgħar li Pierre Mejlak kieku jsemmihom Tikek.

* * *
Skiet u riħa ta' trab. Miexi minn ġol-parking għall-arja kiesħa ta' Sibt filgħaxija, lejn lejl li m'għandix aptit naħdmu għax warajja d-dar ħallejt xi ħaġa għall-qalbi wisq u kieku nista' nġorrha miegħi. Jew aħjar le, irrid inħalli kollox bla mittiefes għal x'ħin nasal lura.

Jien u miexi rajt qattus abjad bi ftit iswed fuq dahru. Għajnejh ma tpinġihomx. Għajnejn beżgħana miftuħin beraħ, jistennew l-ewwel mossa ta' dak li jista' ikun għadu ieħor, hekk kif beda riesaq lura fuq iċ-ċint ta' barriera li tfaċċat minflok blokk appartamenti antiki. Dan il-qattus kellu denbu imċarrat. Kulma fadal kienet biċċa laħam ħamra mingħajr ġilda, donna tarf ta' zalzett ħamrani ta' waqt il-barbecues.

Tħassartu, dawwart ħarsti in-naħa l-oħra għax ma flaħtx naħseb dwar kif xi annimal b'żewġ saqajn jista' ikun kapaċi jagħmel dik il-moħqrija kollha. Il-qattus ħarab jiġri. Qasam it-triq, u quddiemu sab tliet tfajiliet lebsin qasir, bi flixkun vodka u xi ftit mixers biex iżommhom għaddejjin fil-karrellata ta' ħmerijiet li kienu qed ilissnu. Qattus f'ġungla.

* * *
Strieħ fis-sliem, Joe Schembri.

Il-Ħadd waranofsinhar ninsab imleflef fil-kowt, liebes qmis bajda u l-ingravata s-sewda nett. Diċembru ħadilna ħabib ieħor. Bdiet dieħla l-kesħa minn taħt il-bibien tal-knisja f'Buġibba. Knisja bla qalb u bla emozzjoni.

Jien, Ale, Romina, Tony, Lara, Daniel, Mark. Bilqiegħda ħdejn xulxin bħaż-żminijiet l-antiki. Kulħadd kwiet, liebes l-iswed, iżda.

Fuq iz-zuntier ta' din il-knisja plastika mibnija donnha estensjoni bla emozzjoni tal-kwartieri tal-BOV, qed inħarsu lejn il-karozza bil-qabar ta' Joe.

Ħuti, tpoġġunix f'kaxxa meta jasal il-ħin li nitlaq minn hawn. Aħarquni b'kollox, għadmi, ħwejġi, l-erba karlini li jkolli f'buti, u l-memorji kollha tiegħi. M'għandi bżonn xejn aktar miegħi hemm fuq.

* * *
"Tort tiegħek! Minħabba fik fottejt kollox..."

Sgħolt waħda u nfexxejt nidħak.

Ir-rabja tan-naħa l-oħra għebet daqsxejn u tfaċċat tbissima. "Biex qed tidħak... 'qq Alleċ"

Dażgur li hemm biex tidħak.

Għadu jibda Diċembru, kiefer u kiesaħ. U għad fadallu biex jintemm. U sakemm jintemm se nidħak kemm niflaħ. Inkella, jiġu l-ħalel minn Sqallija u jibilgħuna lkoll.

0 Comments:

Post a Comment

Subscribe to Post Comments [Atom]

<< Home

Blog Counter