Monday, November 06, 2006

Camden Town (2)

L-aħħar darba li rajt lil Jonny kien meta niżel Malta fl-aħħar ġimgħa t'April. Dak iż-żmien inzerta kont ser nitlaq mill-post tax-xogħol li kelli qabel, u ħabat tajjeb għax konna ltqajna spiss dik il-ġimgħa. It-Tlieta niftakar konna morna nixorbu l-inbid b'xejn il-Birgu, f'xi avveniment minn dawk li kulħadd iħobb jitbassas fih, organiżżat minn Camilleri Wines. U l-Ħamis filgħaxija kienet il-ġurnata tal-farewell.

Jonny dejjem kien wieħed minn dawk in-nies li nżommhom għal qalbi ħafna. Dejjem kont niftakru bħala bniedem attiv, ħabib ta' veru, idaħħak anke meta jeqred. Designer bħalu ftit issib. U avventuruż. Qabad kollox u telaq mat-tfajla tiegħu lejn Londra. Issa qed jgħix f'Camden, jaħdem full time f'aġenzija ġewwa Holborn u jidher li sab it-triq tiegħu. Iddispjaċini ħafna meta kienet telaq. Imma naħseb li d-dispjaċir aktar kien ġej minħabba li kont se nitilfu jien, milli għax kien ser jitlef xi ħaġa hu.

"Flasker!" Dak il-laqam kien qalagħhuli, imma għad-designers biss, Tony Galea. U baqa hemm, avolja kultant Alessandro kien jivvinta xi derivattiv (Flaskegno, Flaskao, Gigio Flask etc).

Għannaqt lil Jonny. "Nice to see, man." Meta tkun Londra, titkellem bħalhom. U bdejna.

Kif int? Kif sejjer? Tidher li tlaqt mill-JP... tidher kuntent! Wenza kif inhi? Sabiħ dal-post...

Dorna l-kantuniera u morna Sainsbury's. Għamilna xirja ta' malajr: żewġ pakketti tortellini, tiġieġ imqatta', zalza tal-curry, coke, xi biċċa mbarazz żgħira u pakkett Superkings. Ħallasna lil kaxxiera u rħejnilha lejn l-appartament ta' Jonny.

Fi kċina żgħira, ħareġ l-ewwel platt tal-mawra tiegħi f'Londra: ross bit-tiġieġ u l-curry, platt li niżel għasel ħafna aktar mill-annimal (ma stajtx intiehmu sew) bil-fażola msajra li tawna fuq l-Airmalta. Ħadna Stella Artois kull wieħed u Jonny reġa telaq lejn ix-xogħol.

Jien imteddejt fuq is-sufan, xgħelt it-TV u ħadt nagħsa ħafifa sakemm ITV 2 beda juri sitcoms Amerikani bħal Home Improvements, Joey, u saħansitra Happy Days.

* * *
Qomt qisni f'ġenna ta' l-art. Il-vaganza bdiet. Mas-sitta jien u Johnny tlaqna 'l barra.

Camden. Il-belt tal-kuluri, tal-bankini wiesa' fejn tara ħwienet li jbiegħu minn kollox lil kulħadd f'kull ħin. Belt affezzjonata mal-punk tar-Ramones u tal-Clash, fejn hemm ħwienet tal-ġilda bieb ma' bieb ma' xulxin, u pushers tas-smoke iduru miegħek bl-aktar prezzijiet vantaġġjużi. Hawn kollox f'dil-belt. Saħansitra daqsxejn arja.

Morna nieħdu birra oħra f'lokal jismu World's End, fejn jiltaqgħu ħafna żgħażagħ wara x-xogħol. Punks jitħalltu ma' dawk ta' l-ingravata. Jien u Jonny intfajna fis-sular ta' fuq nieħdu birra sakemm tiġi Laura mix-xogħol.

Did-darba d-diskors dar fuq il-JP. Lil Jonny sirt nafu minn hemm. Tlaqna t-tnejn li aħna minħabba l-istess raġuni: paga baxxa, ħajja iebsa. Il-ħajja ta' dik il-kumpanija nbidlet ftit, u forsi mhux għall-aħjar, imma tiegħi u ta' Jonny inbidlet mhux ħażin. Għall-aħjar.

Il-mara kif inhi? Staqsieni Jonny.
"Żomm naqa ħa nkellem daqsxejn lil tiegħek," għidtlu b'nofs daħka. Laura kienet għadha kif waslet mix-xogħol.

(...ikompli)

0 Comments:

Post a Comment

Subscribe to Post Comments [Atom]

<< Home

Blog Counter