Mistħija
Għalikom jgħaddi kollox. Għalikom kull min jgħolli leħnu m'għandux raġun. Sewwa tagħmlu: għajruhom, Laburisti għajjurin, u l-ambjentalisti huma terroristi lebsin l-aħdar, integralisti ħbieb tal-werqa li m'għandhomx x'jagħmlu. Iva, intom li tieħdu salarju tal-gvern mit-taxxi tal-pubbliku, għandkom id-dritt tagħmlulhom boycott kif kienu jagħmlu tal-Union fuq Farsons, fis-snin disgħin, u ħallikom mill-accountability u trasparenza. "Tridu tweġiba? Busulna l-warrani." Għidulhom lil dawk il-qatta qniefed kontra l-progress. Komunisti.
Wara kollox, intom aħjar minn Lorry Sant.
Il-missjoni li bgħatkom fuqha Huwa Innifsu hi li ssalvawna kollha kemm aħna milli nibnu fuq kull pied u nofs raba li għad fadal, issa daqshekk nejk ta' bla permess. Issa jekk xi ħadd għandu għall-ħdura, irid permess biex jibni, mhux jaqbad u jagħżaq. Hekk jew hekk, xorta ittuhulu permess, u dawk ta' Brussels m'għandhom ebda dritt jindaħlu. Fuq kollox, ivvutajtu għall-Ewropa biex ma ddumux fil-kjus fl-airport, u xejn aktar. Liġijiet? Regolamenti? Intom 'il fuq minn dan kollu. U ħallikom mill-EIA.
Intom subgħajkom dritt, tafx, daqs ganċ ta' krejn ta' kuntrattur. Dan l-aħħar qed naraw ħafna minnhom, għax bis-saħħa tagħkom hawn ħafna xogħol għall-bennejja. Noqogħdu attenti fejn nimxu, ma mmorrux nirfsu xi pedament frisk u nitfgħu lura l-industrija b'mitt sena.
Fakkruni din biss: hemm żona ta' żvilupp u żoni fejn ma jistax isir żvilupp. Imma issa tfixkilt, jew forsi ħadtu xi żewġ żbalji intom bil-permessi. Naħseb tort ta' xi skrivan ta, għax naf żgur li ma tridux tfottu r-Ramla, bħala ma ridtux tfottu l-Wied tal-Kalkara, u x-Xagħra tar-Rabat (imn'alla induna l-Prim li sar xi żball ta' typing), u xi erba barrieri l'hinn u l'hawn.
Norqod rasi mistrieħa bil-lejl, inkun naf li hawn intom twaqqfu lil dawk li jridu jeqirduna taħt kolpi ta' franka u konkos, ġir u siment. U issa li naf li toqtlu d-dubbien u l-ambjentalisti, nista' indur fuq ġenbi u noħlom dwar blokk appartamenti oħra f'nofs ir-raba, riefes fuq l-ispeċi endemiċi, li ser isebbaħna u jressaqna pass ieħor 'il quddiem lejn...
... id-Dagestan.


0 Comments:
Post a Comment
Subscribe to Post Comments [Atom]
<< Home