Monday, September 24, 2007

Meta Qabżitlu Beppe Grillo (1)

Minn Ġenova, fl-Italja, ħarġu bosta nies li isimhom għandu post fil-kotba ta' l-istorja. Hemm Kristoforu Kolombu, li sab l-Amerka (jew aħjar, xi ftit gżejjer tefgħa ta' ġebla bogħod mill-Amerka ta' Bush u Ronald McDonald). Hemm Paolo Villaggio, magħruf bħala l-attur u l-kittieb li ħoloq is-serje ta' Fantozzi, sfruttat soċjalment mill-borgeżija kapitalista għal xogħlu. Insibu lil Fabrizio de Andre, l-ikbar poeta Taljan ta' wara l-gwerra, il-kittieb li bħal Fantozzi - jew Villaggio - kixef is-soċjeta u tħaddet dwar bosta temi, fil-forma ta' ħrejjef. Il-kitba tiegħu ġriet minn temi bħall-mara qaħba f'raħal żgħir (Bocca di Rosa) sat-terroriżmu ta' l-idealist żagħżugħ (il-Bombarolo).

Beppe Grillo twieled f'raħal fil-provinċja ta' Genova fl-1948. Studja liġi iżda qatt ma ħa l-lawrea; kiseb dik ta' l-accounting, iżda flok intefa' bi kwietu jaħdem f'uffiċċju, mar ifittex xogħol mar-RAI bħala komiku. Rah Pippo Baudo u għoġbu mill-ewwel.

Fis-snin tmenin bdiet tikber il-fama tiegħu. Beda jmiss is-smewwiet. Kaxkar premju għal serje ta' riklami tal-Yomo (ma jimpurtax li qed nagħmel riklam. Ngħidilkom ukoll li ma nikolx jogurt għax jibqa' tqil fuq l-istonku tiegħi għal nofs ta' nhar). Bil-mod il-mod, ċajta l'hinn u ċajta 'hawn, beda jinduna kemm hi tad-daħk is-satira politika.

Fl-1987 attakka bl-aħrax lil Bettino Craxi u l-Partito Socialista Italiano waqt wieħed mill-ispettakli tiegħu. U r-RAI warrbuh. Berlusconi qatt ma riedu Mediaset. Beda l-eżilju twil ta' Beppe Grillo, li kellu jistenna sal-1993 biex jerġa jitfaċċa fuq ir-RAI, fejn żamm 16-il miljun ruħ quddiem it-televiżjoni fl-ispettaklu tar-ritorn.

Dik kienet il-parti biografika. Għada nkompli b'aktar sustanza.

0 Comments:

Post a Comment

Subscribe to Post Comments [Atom]

<< Home

Blog Counter