Tuesday, November 07, 2006

Camden Town (3)

"How good to see you!" Laura għandha parentela Ingliża. Għaliha, il-ħajja ta' kuljum, l-ewwel f'Islington imbagħad f'Camden, qatt ma kienet iebsa wisq. Drat mill-ewwel, telgħet Londra u sabet taħdem lejn in-naħat ta' Fulham, fin-nofsinhar ta' Londra.

Ironikament, Laura hija hairdresser li toħroġ ma' wieħed li għandu xagħar inqas minni.

* * *
Il-kontradizzjonijiet ta' Camden, bħalma huma xogħol Laura u xagħar Jonny, tidrahom wara ftit minuti. Filgħaxija morna nieklu f'ristorant jismu The Lock. Jinsab f'żona kemmxejn mudlama, ħdejn pont li jagħti fuq kanal fejn l-ilma kien baxx ħafna.

"Hawnehekk jgħidulu l-Camden Lock. Toqgħod naqra attent hawnhekk filgħaxija. Imma l-ikel ta' l-ost*a." Ħadna ikla laħam minn dawk li tibqa' tiftakarhom. Ħriġna tard mir-ristorant, qabditna ħafna xita u riħ kiefer.

Fit-triq lura għaddejna minn ħdejn il-Jazz Cafe. Kuljum ikun hemm xi artist jew ieħor, dakinhar, inzerta, kien hemm il-favoriti tagħna t-tlieta - il-Jamiroquai. Kulma rajna kien it-tour bus enormi tagħhom. Biljetti ma ssib imkien, speċjalment għax kien qed jirrekordja kunċert qasir, nofsiegħa kollox, għall-programm tal-BBC jismu Electric Proms.

F'xita nieżla ma taqta xejn, wasalna lura l-appartament. Laura daħlet toroq kważi mill-ewwel.

Jien qbadt ftit il-mappa ta' l-Underground, u fittixt post fejn nista' nieqaf. Jonny qalli nista' nibqa' nieżel dritt sa l-istazzjon jisimha Embankment u għandi nofs ta'nhar kollu tiegħi.

* * *
Bonġu, Camden. Bonġu Ingilterra. Qomt fit-tmienja ta' filgħodu, għamilt toast bil-butir u l-ġobon, u daqsxejn perżut (minn ta' Sainsbury's, s'intendi).

Jon u Laura kienu ilhom imqajmin imma mank jagħmlu ħoss. Kulma smajt kienu xi passi l'hinn u 'hawn mill-kamra tal-banju. Jonny kien trankwill u kalm, daqsxejn bħas-soltu. Ħeles xi xogħol li kellu jagħmel, giddem biċċa toast u fid-disgħa ta' filgħodu qabad triqtu lejn Holborn.

Ċans ninħasel, ilbist il-ġakketta tal-ġilda s-sewda u tlaqt lejn Mornington. Tal-gażżetti kien hemm, imeċlaq xi ħaġa, ħarstu l'isfel bħal wieħed li min jaf x'qed jaqra, jew jipprova jifhem. Naħseb kellu l-manwali tal-manjieri ta' Oxford miftuħ quddiemu.

* * *
Inżilt Embankment, fil-qalb ta' Londra. U beda nofs ta' nhar twil. Trafalgar Square. Issegwi s-sinjali u wara ftit (kilometri) tasal Tower of London. Big Ben. House of Commons. Suldati u pulizija armati b'machine guns awtomatiċi. Xogħlijiet fit-triq. Turisti Ġappuniżi jużaw il-Fuji u n-Nikon biex jieħdu ritratt lil dak kollu li ma jiċċaqlaqx. Imxejt ftit aktar 'il fuq, lejn ix-xmara Thames, u waqaft nieħu sigarett fil-Victoria Tower Garden. Tfal ta' l-iskola jiġru, ftit bogħod minnhom kien hemm żewġ businessmen bilqiegħda fuq bank sod ta' l-injam, laptop u financial Times f'idejhom, għaddejjin għall-affari tagħhom mingħajr ma jħarsu lejn xulxin.

Qsamt ix-xmara minn fuq Beacham Bridge. Ġbidt erba' ritratti u mxejt lejn il-London Eye. Malli wasalt ħdejn il-Hotel Marriott waqaft nixtri biljett għall-eżibizzjoni tad-Dali. U mbagħad kompliet il-mixja madwar Londra. Fost mijiet ta' nies jistennew biex jitilgħu fuq il-London Eye u għexieren ta' tfal jiġru wara xulxin fil-ġnien ta' taħtha.

Ċempilt lil Gilbert. Kien qed iżarma biex jitlaq lura lejn Malta wara 3 xhur f'Londra. Naħseb li xi ftit spiċċa biex ħass in-nuqqas ta' Malta.

* * *
Fl-erbgħa ta' wara nofsinhar kont bilqiegħda l-Camden Kitchen, dahri lejn il-kċina u l-bar. Kien hemm żewġ waitresses dak il-ħin. Waħda qsajra, bjonda, mhux partikolarment ħelwa u wiċċha naqa mpaħpaħ. Titkellem b'aċċent stramb, kważi qerriedi. L-ewwel ħaġa li għamlet kienet li tiskuża ruħha għax damet ma ġiet biex tieħu l-ordni. Ma ġara xejn.

L-oħra kienet ħafna aktar stramba. Ma tantx titbissem, kemm kemm tħares lejk u tarmalek il-mejda mingħajr ma tgħidlek kelma.

Frixt il-Gazzetta dello Sport fuq il-mejda u ordnajt Peroni. Taljan, bdew jaħsbu l-għaxra min-nies li kien għad hemm fil-post dak il-ħin. U hemmhekk intfajt naqra dwar is-semi kriżi tal-Milan, il-kampjonat li ser jirbaħ (li kellu jirbaħ) Vale Rossi, u dwar id-dubji tattiċi ta' Spalletti.

* * *
Wara mixja minn dawk it-twal nett fiċ-ċentru ta' Londra, ma jkollok aptit xejn aktar minn ikla tajba. Spiċċajna Shoreditch, naħa daqsxejn posh ta' Londra (mhux daqs Chelsea, imma dejjem differenti minn Camden). Ħadna pizza f'ristorant li jsajjar ikel Taljan tajjeb, jismu The Furnace. Skond Jonny, Shoreditch huwa l-post fejn taqa' l-intelliġenzja u l-psewdo-intelliġenzja ta' Londra.

Skond preġudizzju bażiku tiegħi, ħafna minn dawn in-nies ikunu għadhom żgħar fl-eta u jkunu għaddew parti twila minn ħajjithom jaqraw il-kotba ta' Coelho, u jippruvaw, mingħajr tama ta' suċċess, japplikaw il-ħsibijiet tiegħu għall-ħajja mgħaġġla tagħhom.

Imxejna barra mill-Furnace u morna nieħdu l-aħħar birra tal-ġurnata f'bar li ma nistax niftakar x'jismu. Malli dħalna, Jonny dar fuqi u qalli 'hawnhekk qisu Gigi's...'

Gigi's. Dak il-ghetto għall-fighetta ta' Malta, fi Spinola. Għallinqas hawnhekk, f'Shoreditch, semgħu b'Coelho.

0 Comments:

Post a Comment

Subscribe to Post Comments [Atom]

<< Home

Blog Counter