Tuesday, September 25, 2007

Meta Qabżitlu Beppe Grillo (2)

...ikompli

Beppe Grillo baqa' jidher u jerġa jinħeba għal ħafna mis-snin disgħin. Kien sar rarita' fuq it-televiżjoni, għax kien żgarra bil-kbir, kien rifes wisq swaba' importanti u meta tiċċajta mal-politika ma hemmx triq lura.

Fiż-żmien li kien moħbi xorta waħda baqa jagħmel spettakli f'bosta teatri u pjazez fl-Italja (xi wħud minnhom tista' tniżżilhom minn fuq eMule jekk tixtieq, għax Telepiu u xi televiżjonijiet satellitari oħra kienu jxandruhom). U minflok Grillo ċajtier beda ħiereġ Grillo iebes, mgħaddab għall-politiċi u għall-kapitalisti, lest li jifrex il-battalja tiegħu fuq ħafna fronti, fosthom l-ambjent, l-ekonomija, id-drittijiet umani, saħansitra l-edukazzjoni.

Grillo mhux ċuċ. Tidħak tarah jirraġuna quddiem l-udjenzi tiegħu, speċjalment meta taqbiżlu (taparsi) u jaqbad ma' xi vittma fit-tieni ringiela. Skond Antonio Ricci, ħabib antik ta' Grillo mis-snin tmenin li ħoloq Striscia La Notizia (programm ta' satira politika li jidher fuq Mediaset, inqas radikali minn dak li jippriedka Grillo), Grillo kien qed jieħu gost jidher oħxon, kważi qisu Ġaħan. Żamm dak ix-xagħar folt li dejjem kellu, li f'dawn l-aħħar snin qed isir griż dejjem aktar skur.

Grillo għamel ftit ħoss xi snin ilu propju permezz ta' Striscia la Notizia. L-ewwel episodju kien meta quddiem udjenza nies kixef sistema li kienet tuża l-Omnitel sabiex tagħmel profitt minn fuq il-klienti. Wara li din ix-xena dehret fuq it-televiżjoni ta' Berlusconi, inqala' terremot.

It-tieni każ kien meta Grillo kixef kif anke l-Parmalat kienet qed tfotti, u li l-Parmalat kienet se tfalli. Sentejn wara, minkejja libelli u x'naf jien, il-Parmalat falliet u magħha tilfu flushom ħafna investituri żgħar.

Din il-kategorija ta' nies hija wkoll għal qalb Grillo, speċjalment fejn tidħol it-Telecom Italia. Fl-2007, bħala rappreżentant tal-azzjonisti żgħar, attakka lil bord tad-diretturi minħabba l-operat tagħhom waqt il-Kunsill Ġenerali tal-kumpannija.

Fl-2005 ħareġ bil-kunċett li l-politiċi li nstabu ħatja ta' xi reat jew ieħor mill-qrati Taljani, kellhom jitneħħew mill-Parlament. Talab ukoll għar-riżenja tal-Ministru tal-Finanzi, Fazio, wara li dan inqabad fl-iskandlu tal-bank Antonveneta. Wasal sabiex, saħansitra, xtara paġna minn La Repubblica biex jispjega r-raġunijiet tiegħu.

ikompli bit-tielet parti: Grillo u l-Ambjent

0 Comments:

Post a Comment

Subscribe to Post Comments [Atom]

<< Home

Blog Counter