Tuesday, October 09, 2007

Meta Qabżitlu Beppe Grillo (4)

La Paga di Giuda (16 ta' Settembru 2005)

Blog ieħor fejn Beppe Grillo qabżitlu, u bl-ikrah. Minn dak il-blog, f'nofs il-burraxka li kien qala sabiex jitlob ir-riżenja tal-Gvernatur tal-Bank Ċentrali Taljan, Antonio Fazio, kien qiegħed iwieġeb ukoll għal spekulazzjonijiet li kienu qed isiru fuq il-ħajja privata ta' Grillo.

Il-kulminu tal-VDay, u l-ironija tal-kunċett tagħha, jinsab kollu fil-bloggata ta' Grillo jisimha La Paga di Giuda, allużjoni għat-tletin biċċa fidda ta' l-appostlu l-ġakbin.

Mela tajjeb, nefħet il-media Taljana, dan il-buffu qed joħroġ in-nies fil-pjazez Taljani u Ewropej biex ineħħi mill-Parlament lil dawk kollha li nstabu ħatja mill-qrati ta' xi reat jew ieħor. Iżda issa nikxfuh: huwa stess kien jgħid kontra l-internet u issa qed jużah bħala l-aktar arma potenti tiegħu. U dawk li jsegwuh, jafu li Grillo stess kien instab ħati ta' qtil involontarju?

Dan kollu reġa ħareġ fil-medja Taljana, speċjalment waqt l-aħbarijiet ta' Emilio Fede (Berluskonjan lagħqi) u Studio Aperto (fejn tara ħames minuti aħbarijiet, u l-bqija tara x'qed jagħmlu l-mudelli u ċ-ċelebritajiet Taljani. U tara ħafna isdra wkoll, l-iktar waqt ħin l-ikel). Id-direttur tat-TG2 saħansitra wasal biex qal li wara l-agħa li qajjem Grillo, ħadd m'għandu jeħodha b'sorpriża jekk ikun hemm xi miġnun u jagħti xi tir lil xi membru tal-Parlament jew ieħor. Ta' dan il-kumment, l-istess direttur spiċċa ridikolat minn ħafna mill-kollegi tiegħu.

Madankollu, jekk tisma lil Grillo jagħmel l-elenku sħiħ ta' Parlamentari Taljani ħatja ta' xi reat jew ieħor tibqa b'ħalqek miftuħ. Fost l-ismijiet mhux talli insibu ħafna backbenchers kif jgħidulhom Malta, iżda ħafna ismijiet familjari u importanti: Previti, Borghezio, Bossi, Calderoli. Il-politiċi tax-xellug għandhom maġġoranza ta' sentenzi li għandhom x'jaqsmu ma' offiżi bħal ġarr ta' armi bla liċenzja u pussess ta' splussivi. Tal-lemin għandhom daqsxejn ta' taħlita mhux ħażin, fosthom korruzzjoni, razziżmu, ksir tal-paċi pubblika u ħwejjeġ minn dawn.

Il-loġika ta' Grillo hija din: għalfejn dawn in-nies li huma ħatja minn reati daqstant gravi qegħdin fil-Parlament bħala rappreżentanti tal-poplu?

Huwa l-iżbilanċ fil-ġustizzja li tant idejjaq lil Beppe Grillo. Bħalma idejquh l-inġustizzji li jsiru fil-qasam ekonomiku, ambjentali, industrijali, soċjali, edukattiv u internazzjonali.

Ir-raġunar huwa dan: jekk il-politiku ma jasalx, għax il-politika hija tad-daħk, wasal iż-żmien li l-komiku jiftaħ ħalqu kontra is-sistema.

Is-satira politika għandha għanijiet oħra, u bil-mod il-mod Grillo wasal f'fażi oħra: dik li jiftaħ lista pubblika għal ċittadini "normali" li jixtiequ jikkruntastaw is-sistema politika mmermra - iżda dejjem fi ħdan l-elezzjonijiet. Jibqa' il-fatt illi l-eżibizzjoniżmu ta' Grillo huwa l-fattur li l-aktar jista' idgħajjef dak kollu li qed jaħdem għalih.

* * *
Hawn ħamsa u ħamsin miljun blog fid-dinja kollha. Skond Technorati, Grillo jinsab it-tmienja u għoxrin fil-klassifika ta' l-aktar blogs influwenti fid-dinja kollha; l-ewwel wieħed fost il-bloggers Ewropej, fost ruxxmata bloggers Amerikani li jimlew din il-klassifika.

Il-battalja li jmexxi Grillo tiżvolġi ruħha fil-medja li hu tant jikkritika. Kemm ser iddum tagħtih spazju l-medja u l-informazzjoni ħielsa (bħalma hi Wikipedia) li hu tant jitmasħan għaliha?

0 Comments:

Post a Comment

Subscribe to Post Comments [Atom]

<< Home

Blog Counter