Wednesday, December 20, 2006

Camden Town (7)

Il-kantilena "You are not singing/You are not singing/Anymore" kienet għadha qed tidwi f'widnejja x'ħin qomt il-ħadd filgħodu. Il-lejla ta' qabel kont vittma ta' barman Ingliż, fil-Crescent ta' Camden, pass bogħod mid-dar ta' Jonny. "Milanista... Looooser!!"

Il-Milan kienu qed jitilfu 3-0 ma' l-Inter dak il-ħin. Spiċċat 3-4 u fl-aħħar ballun għal naqa ma ġiex id-draw tal-Milan. Xtaqt id-draw mhux għall-Milan, iżda biex inkun nista' nuri subgħajja t-twil - tan-nofs, biex niftiehmu - lil dak il-qaħba barman. Li, kif qalli Jonny, kien jiġi jitnellaħ mill-football u xogħlu kien biss li jgħaddi ftit taż-żmien. L-Ingilterra dawn l-affarijiet iseħħu ta' kuljum. Hawn Malta, ma tagħmilhiex daqshekk ta' spiss.

Laura telqet għax-xogħol ftit aktar tard mis-soltu; Jonny kien burdata tajba u qam isajjar il-bacon, iz-zalzett u l-bajd. Imbagħad wara shower tajba ħriġna nduru Camden Market.

Kuluri. Dil-belt kollha kuluri. U rwejjaħ ukoll. Irwejjaħ ta' ikel Marokkin imħallta ma' dik tal-ġilda tal-ġkieket; twapet u inċens ta' kull tip flimkien ma' kull tip ta' antikwarjat li tista' timmaġina. Imbarazz bħal comics ta' żmien Borg Olivier (illum sofor, qodma, u mhux daqshekk prezzjużi) u settijiet tat-telefon bir-rota, li hawn Malta bqajna nużaw sas-snin disgħin. Toħroġ mill-bini tal-monti u ssib monti ieħor fit-triq, nies kullimkien, iħarsu lejn ħanut li jispeċjalizza f'affarijiet li jilbsu l-psewdo suldati neo-nażisti sakemm ħarsithom taqa' fuq dak li qed ilesti il-paella ftit passi bogħod. Ħanut enormi tal-goth metal għal dawk li jgħaġġlu, u eżatt quddiemu wieħed li jbiegħ it-targi bl-ismijiet tat-toroq f'Londra.

Imxejna lejn Chalk Farm, mhux wisq bogħod minn fejn konna. Ħadna burger homemade mill-Fogg, burger enormi li baqa fl-istonku tagħna għal siegħat twal.

* * *
"No, no, no. It don't work like this."
Ksaħt. Qabżet qatra għaraq kiesaħ minn ġo fija. Intfajt lura, fir-rokna, u tlabt għall-ajjut, fis-silenzju.

Wara ftit minn wara l-bieb tfaċċat Laura. Għajtet lil Jonny. Jonny ġie u pprova jirraġuna. Imma dak ma riedx jisma. Jonny ħabat se jinfixel. "But... because... I just wouldn't do it."

Kien enormi, ibeżżgħek bil-ħarsa tiegħu. Jekk ikollok l-inkwiet tibda titlob li l-istretcher li biha jeħduk lejn l-ambulanza tkun komda. Il-bouncer tal-Comedy Store intefa' quddiemna. Dort fuq Jonny u mingħajr ma tbissimt wisq, għedtlu "Min tefa d-dawl?" Jonny daħak.

"Biżżejjed... tidħakx bħalissa!" għedtlu kemmxejn ippanikkjat.

Il-bouncer mar jiċċekkja mal-box office jekk kienx għadu kif qatta tliet biljetti, flok tnejn kif kien qed jgħid hu.

Ifhimni, għażiż qarrej: meta tara lil xi ħadd daqshekk kbir jipprova jieħu raġun, ittihulu. Speċjalment meta jsikktek ("Shut up, listen, I'm the one who talks") u jgħidlek li hu mhux ċuċ ("I know what I'm saying, you shut up").

Tal-box office qallu li kellna raġun. Dar lejna, qalilna "Ok, go in." Jien ħadt nifs u għamilt pass. Żomm. Ħa nara xil-Madonna inqalgħalu.

"You, leave those bags in the cloakroom when you go in, to the right." Għamilt kif kien talabni - jew aħjar, ordnali. Jonny ma kienx semgħu u dar lejja, u bir-raġun saqsieni għalfejn.

"Ifhem Jonson... jekk trid tmerih..." għedtlu jien.

Jonny reġa daħakha.

* * *
It-tnejn filgħodu qomt b'ħalqi juġagħni bid-daħk li dħakt. Imma issa, rrid immur Oxford Street ħa nweġġa ftit il-Visa tiegħi.

...ikompli

0 Comments:

Post a Comment

Subscribe to Post Comments [Atom]

<< Home

Blog Counter