Wednesday, December 20, 2006

Camden Town (8)

Battikata minn dawk il-kbar, iġġib xi ħaġa minn Londra lill-familja u lill-maħbuba. Bdejt inħoss għajnejn kullħadd jifluni, sakemm kont fuq dak it-tube minn Piccadilly għal Leicester, minn fejn imbagħad, wara taraġ mill-kbar, naqbad it-triq għal Mornington. Messni ħadt bus, għedt f'qalbi, imma hawnhekk għadni ma nistax nifhem kif taħdem ir-rotta.

Waqaft Mornington u bdejt inħossni mfarrak. Mort lura l-flat, tfajt l-imbarazz li xtrajt flimkien ma' l-oħrajn, u ntfajt fuq is-sufan. Erġajt qomt, ftaħt il-bagalja, u ħarist lejh għal darb'oħra. In-numru 11 ta' van Persie, fuq l-aħmar tal-flokk ta' l-Arsenal. Dalgħodu, bħal tifel ta' 12-il sena, erġajt tlajt niġri Finsbury u mxejt lejn l-Emirates, biex nistampa l-flokk bin-numru tal-favorit tiegħi. Hekk jew hekk, rikordju mill-aqwa.

Kif kont hemm, xtrajt mug tal-Gunners għal fuq il-mejda ta' l-uffiċċju. Tant għandi bokka bih li lil Ċelestina qas inħalliha tieħdu biex taħslu.

* * *
Ma' Jonny kont miftiehem biex niltaqa' ħdejn Niketown. Kont se naqbad bus bi żball (imn'alla tliftha) imma wasalt bla xkiel. Dorna l-aħħar ftit, xtrajt xi ħaġa għal ommi u mbagħad morna Next, għax Jonny għadu ma sabx dan l-imbierek size 40 għal Wenza.

Il-manager tal-ħanut daħkitilna x'ħin ratna, jien b'handbag f'idi u Jonny b'żarbun tat-takkuna. Konna nidhru li m'aħniex Ingliżi, probabbli, ħasbet, xi żewġ Griegi b'gosti naqa strambi.

* * *
Neħħejt il-kappell li xtrajt il-ħadd filgħodu, u qgħedtu fuq irkoppti. Ordnajna l-ikel. Illejla l-aħħar lejl f'Camden.

Id-dieqa bdiet tidħol fija bil-mod. Ma flaħtx nitbissem. Iktar u iktar meta, fi Strada ta' Camden, ġie platt ravjul li kemm kemm kien fih tużżana.

"Niftħu l-Martini llejla?" qalli Jon. Naħseb induna li ma kontx f'tiegħi.
"Mela le," għedtlu. Tbissimt kemm kemm, u ħadt qatra oħra Peroni.

Kollox irid jintemm.
* * *
Għadda kollox minn quddiemi qisek qed tara l-film ta' ġimgħa sħiħa. Kelli żewġ bagalji u basket x'inġorr, kelli niftakar inħalli ċ-ċwievet tal-flat lil Jonny, flimkien ma' l-Oyster Card, u kien hemm taxi qed jistennieni barra, għal Paddington.

Nieżel it-taraġ, ħbatt kemm kemm fir-rota li Jon iżomm marbuta fl-indana tat-tieni sular, u ħriġt. Tat-taxi ma tantx kien orrajt u dak il-ħin staqsejt lili nnifsi għalfejn ngħidu dejjem li "aħna l-Maltin..."

Fuq it-taxi għadda kollox minn quddiemi. Il-'veduta' mit-tieqa tal-kċina ta' Jonny. Tas-sular ta' fuq li jibdew idoqqu t-trumbetta, fit-tmienja ta' bil-lejl. It-tubes, l-Osyter Card, l-ismijiet ta' l-istazzjonijiet, bożji u formali, miktubin iswed fuq abjad taħt il-linji kkuluriti tar-rotot.

U iktar: l-aħħar ritratt ma' Jon u Laura. L-ikla ta' nofsinhar f'Holborn, fejn jaħdem Jonny. L-aħħar tgħannieqa ma' sieħbi tal-Gudja. Lillywhites. H&M. Camden Market u l-bejjiegħa ta' ġakketta tal-ġilda. Id-daħka ta' tfajla samranija li waqqfitni filgħodu b'offerta ta' l-O2.

It-taraġ ta' l-Emirates u l-ferħa li ħassejt x'ħin rajt l-istadium. L-armata ta' supporters mexjin lura lejn darhom wara l-logħba. Innijiet. Riħa ta' chips u ħaxix maqtugħ pulit fil-ġonna ta' Londra. Is-skiet f'Hyde Park.

* * *
Irringrazzjajt lil tat-taxi. Ġrejt ġirja biex nilħaq il-ferrovija lejn Heathrow. Xi dwejjaq, xi dwejjaq.

* * *
Fuq l-ajruplan kont bilqiegħda ħdejn Sako u Martin. Il-film fuq l-Airmalta kien tal-qamel, u anke l-ikel: ġew bil-ħut. Jiddispjaċini, ħut ma nikolx. Għamillu platt fużilli għax is-sinjorina ma jħobbux il-ħut, ħaseb l-isteward.

Fid-dieqa ġenerali bdejt inħares l-isfel u rajt Kalafrana u Marsaxlokk. X'għafsa ta' qalb.

Sako, ħdejja, kien ismar mix-xemx ta' Valencia. Issa qed nistennew il-bagalji. U issa qed noħorġu 'l barra, mexjin lejn il-familji li qed jistennewna.

Erġajna lura d-dar. U qed inħossni nsejt xi ħaġa warajja. Naħseb ħallejt qalbi f'Camden.

Xi darba nerġa nitla, bl-iskuża li se mmur infittxha.

0 Comments:

Post a Comment

Subscribe to Post Comments [Atom]

<< Home

Blog Counter